L-aqwa żmien għal pajjiżna għadu ġej

Ħbieb,

Din hija s-sitt elezzjoni ġenerali li fiha qed nersaq quddiemkom biex b’umiltà nitlobkom tagħtuni l-privileġġ li nerġa’ nkun rappreżentant tagħkom fil-Parlament u, jekk ikun il-każ, li nservikom bħala Ministru.

Meta, f’Diċembru tal-2014, il-Prim Ministru għoġbu jafdali d-doveri ministerjali tal-intern u s-sigurtà nazzjonali, aċċettajt dak l-impenn b’dedikazzjoni u serjetà. Dħalt b’ruħi u b’ġismi għax-xogħol biex, meta jasal żmien il-kontijiet, inkun nista’ niġi quddiemkom b’wiċċi minn quddiem.

Kburi li fil-qasam tal-intern u s-sigurtà nazzjonali rnexxielna nwettqu kważi l-wegħdiet kollha li konna wegħidna fil-manifest elettorali li ppreżentajna qabel l-aħħar elezzjoni. Ħdimna bla heda biex int u l-familja tiegħek tgħixu f’aktar serħan il-moħħ. Saħħaħna l-Forzi Armati, il-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u l-Faċilità Korrettiva kemm b’investimenti kbar fit-tagħmir meħtieġ kif ukoll b’enfasi fuq it-tisħiħ u t-taħriġ professjonali tar-riżorsi umani.

Ninsabu nofs triq. Determinati li nkomplu nibnu fuq is-suċċessi li rnexxielna niksbu s’issa biex ikollna aktar riżultati li minnhom igawdi kulħadd. Ejjew inkomplu mexjin fit-triq li bdejna, għax l-aqwa żmien għal pajjiżna għadu ġej.

Carmelo

 

DWAR CARMELO ABELA

Data tat-twelid: 10 ta’ Frar 1972.

1990 – 2014: Maniġer fil-Mid Med Bank Ltd / l-HSBC Bank Malta plc.

1994 – 1996: Kunsillier lokali fiż-Żejtun.

1996: Ġie elett Membru Parlamentari għall-ewwel darba, u baqa’ jiġi elett f’kull elezzjoni ġenerali sussegwenti. Bħala Membru Parlamentari serva bħala Assistent Whip tal-Oppożizzjoni, kif ukoll Kaxxier u Segretarju tal-grupp parlamentari tal-Oppożizzjoni.

1998 – 2003: Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ u l-Isport.

2003 – 2008: Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura.

2003 – 2010: Deputat Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

2008 – 2013: Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar l-Industrja u l-Investiment Barrani, u mbagħad dwar il-Politika Soċjali.

2013 – 2014: Whip tal-grupp parlamentari tal-Gvern.

2013 – 2015: Membru tal-Kumitat Permanenti tal-Kamra tar-Rappreżentanti dwar ix-Xogħol tal-Kamra.

2013 – 2016: Rappreżentant Reġjonali fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth.

2013 – 2016: Kap tad-Delegazzjoni fl-Unjoni Interparlamentari.

2013 – 2016: Membru tal-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (l-OSCE).

2014: Kelliem tal-Gvern fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

2014 – preżent: Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.