Aħna ilna li “għażilna Malta”

Aħna ilna li “għażilna Malta”

Artiklu ta’ opinjoni li deher f’L-Orizzont tat-Tlieta, is-16 ta’ Mejju 2017

 

L-ewwel ħaġa li ż-żewġ partiti l-kbar għamlu hekk kif xolja l-Parlament u bdiet ir-rankatura għall-elezzjoni ġenerali kien li ppreżentaw lill-pubbliku l-motto tal-kampanji rispettivi tagħhom, b’lowgo mlewwen jakkumpanjah. Kif żgur issa kulħadd jaf, il-Partit Laburista ħareġ bl-għajta L-Aqwa Żmien ta’ Pajjiżna filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għażel Jien Nagħżel Malta.

L-islowgans, kemm għall-prodotti kummerċjali kif ukoll għal organizzazzjonjiet bħall-partiti politiċi, huma bħat-tikketta fuq flixkun inbid. L-iskop hu li f’żewġ jew tliet kelmiet u b’disinn li jattira l-attenzjoni jagħtu lin-nies idea ċara ta’ x’jistgħu jistennew minnhom. It-tama tkun li jnisslu fin-nies ħsus pożittivi li mbagħad iwassluhom biex ikunu jridu jiskopru aktar dwar x’joffri dak il-“prodott” u, eventwalment, jippruvawh.

Iżda x’jibqa’ fik kieku kellek tixtri flixkun mis-supermarkit għax fuq it-tikketta jkun immarkat bħala nbid tal-iprem kwalità, u meta tmur id-dar u tiftħu ssib li huwa mimli bil-luminata? Kieku kellu jiġrilek hekk, id-darba li jmiss terġa’ tafda fi flixkun ieħor tal-istess ditta, anki jekk jerġa’ jkollu fuqu tikketta sabiħa?

Aktar ma jgħaddu l-ġranet f’din il-kampanja elettorali, aktar qed toħroġ ċara d-differenza bejn iż-żewġ partiti l-kbar. Fuq naħa għandek lill-PL, immexxi b’determinazzjoni minn Joseph Muscat, bi storja ta’ erba’ snin fil-Gvern li matulha l-kliem ta’ qabel l-elezzjoni tal-2013 ittrasformah f’realtà li minnha gawda kull faxx tal-komunità. Fuq in-naħa l-oħra għandek lill-“koalizzjoni” tal-PN, immexxija minn Marlene Farrugia u Simon Busuttil, b’kampanja msejsa fuq in-nuqqas ta’ verità, l-allegazzjonijiet bla bażi, u l-qerq.

Id-differenza bejn iż-żewġ blokok politiċi m’hemmx għalfejn tmur l-università biex taraha. Biżżejjed wieħed iħares lejn l-aktar ħaġa bażika tal-kampanji elettorali rispettivi: l-islowgans li għażlu għall-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju.

 

L-aqwa żmien biex nagħżlu Malta

F’dawn l-aħħar erba’ snin il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat wettaq il-biċċa l-kbira ta’ dak kollu li, qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, kien wiegħdek li kien se jwettaq f’ħames snin. Lestejna ħafna affarijiet li ma rnexxilux, jew ma kienx kapaċi jagħmel, il-Gvern ta’ qabel, li kien magħmul minn bosta li issa qed jerġgħu jippreżentaw ruħhom quddiemek biex terġa’ tafdalhom il-pajjiż f’idejhom.

F’dawn l-erba’ snin kellimniek bil-fatti; lill-pajjiż biddilnieh. L-ekonomija tagħna stejqret, il-finanzi tal-pajjiż bdew jirkupraw – tant li, għall-ewwel darba f’ġenerazzjoni sħiħa, irreġistrajna bilanċ pożittiv – hawn xogħol għal kull min irid jaħdem, filwaqt li l-livell tal-għajxien u l-kwalità tal-ħajja tjiebu għal kulħadd. Bil-miżuri ta’ fejda li ħadna, tista’ tgħid f’kull qasam, gawda kulħadd.

Huwa għalhekk li nistgħu nerġgħu niġu quddiemek b’wiċċna minn quddiem bi programm elettorali ambizzjuż ieħor. Huwa għalhekk li, bl-islowgan li għażilna għal din l-elezzjoni – L-Aqwa Żmien ta’ Pajjiżna –  qed inwegħdu li nkomplu naħdmu biex is-snin li ġejjin ikunu l-aqwa żmien ta’ pajjiżna.

Jekk il-passat huwa garanzija tal-futur, allura kulħadd jifhem li dan l-islowgan mhux kliem irħis iżda patt ieħor fis-sod bejn il-PL u l-poplu li se jitwettaq bil-fatti jekk Joseph Muscat u aħna t-tim tiegħu nerġgħu ningħataw il-privileġġ li mmexxu lil pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista bħala slowgan ħareġ b’Jien Nagħżel Malta. Dawn huma l-istess nies li l-istorja tagħhom hija mtebba’ bi stejjer ta’ tradiment tal-interessi nazzjonali. Min jista’ jinsa kemm kienu jmorru barra minn Malta fis-snin sebgħin u tmenin, biex igerrxu l-investment u jagħmlu l-ħsara lil-pajjiżna? Kien żmien il-famuża għajta tal-Perit Mintoff Malta l-Ewwel u Qabel Kollox, meta pajjiżna kellu mexxej ieħor dehni li kien għażel lil Malta u l-Maltin qabel kull interess ieħor. Dak iż-żmien, żgur li n-Nazzjonalisti ma kinux “għażlu Malta”.

Iżda għalfejn immorru daqshekk fil-bogħod? F’dawn l-aħħar erba’ snin x’m’għamlux biex iħammġu isem pajjiżna u jgerrxu lill-investituri? Marru jxewxu kontra Malta fil-Parlament Ewropew, marru fuq l-istazzjoniet televiżivi ta’ seħibhom Berlusconi fl-Italja, marru għand il-gazzetti barranin, u kieku setgħu anki jiftiehmu ma’ ta’ denbu twil kienu jmorru.

X’jimpurtahom li, mill-konsegwenzi li tista’ ġġib magħha l-ħsara li qed jagħmlu lill-fama ta’ Malta fix-xena internazzjonali, fl-aħħar mill-aħħar se tkun int li tbati? Kif jgħid il-Malti, bejn il-kliem u l-fatti hemm il-baħar jikkumbatti. It-tikketta ta’ mal-flixkun ma tagħmilx l-inbid. U min il-flixkun diġà ppruvah, mhux se tqarraq bih billi twaħħallu tikketta ġdida.

L-għażla f’din l-elezzjoni hija ċara: fuq naħa hemm partit li issa qed isejjaħ lilu nnifsu “forza nazzjonali”, li huwa mibni fuq art dgħajfa, fuq in-nuqqas ta’ verità, u fuq konfużjoni sħiħa saħansitra dwar min qed imexxih. Fuq in-naħa l-oħra, hemm il-moviment Laburista, immexxi minn mexxej sod, Joseph Muscat, li qed ipoġġi l-karti kollha fuq il-mejda u li qed jagħtina l-opportunità li nibqgħu mexjin ‘il quddiem biex niksbu saħansitra aktar suċċessi. Trid treġġa’ l-arloġġ lura? Dażgur li le. Jien Nagħżel Malta – għalhekk, għax irrid il-ġid lil pajjiżi, se nagħżel lil Joseph Muscat.

 

Ix-xogħol baqa’ għaddej

Min ħaseb li għax bdejna l-kampanja elettorali abbandunajna l-obbligi tagħna lejn il-pajjiż sejjer żmerċ. Ix-xogħol tal-Gvern baqa’ għaddej u qed ikompli jagħtina l-frott.

Il-ġimgħa l-oħra ħabbart investiment ta’ €12-il miljun minn fondi nazzjonali għall-bini ta’ għadd ta’ stazzjonijiet tat-tifi tan-nar u ta’ faċilitajiet ġodda li mistennija jkunu lesti fi żmien erba’ snin. Il-bini imminenti ta’ stazzjon ġdid f’Santa Venera se jservi b’mod partikolari lir-residenti taċ-ċentru ta’ Malta. L-art magħżula tinsab f’post strateġiku li minnha se jkunu jistgħu jintlaħqu f’qasir żmien diversi lokalitajiet fosthom il-Ħamrun, Birkirkara, Ħal Qormi, Tas-Sliema, u San Ġiljan, li lkoll għandhom populazzjoni mdaqqsa. Dan l-istazzjon se jkun mibni b’mod li jkun jiflaħ għat-terremoti.

Se jinbena wkoll stazzjon tat-tifi tan-nar fil-Furjana. Bħalissa l-istazzjon tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (DPĊ) fil-Garaxx tal-Pulizija qed joħloq inkonvenjent kemm lill-ħaddiema tad-DPĊ kif ukoll lill-Pulizija. Għalhekk, ġiet allokata art imdaqqsa fil-Furjana minn fejn se jkun jista’ jopera x-xift tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar skont kif jitolbu l-istandards Ewropej. Diġà saru l-ewwel abbozzi tal-pjanti u, b’mod immedjat, se jibda l-istudju fuq l-art indikata.

Żvlupp ieħor se jsir Dellimara. Fl-aħħar ġimgħat hemmhekk infetaħ stazzjon temporanju ddedikat għall-impjant tal-enerġija, iżda issa se nibnu stazzjon permanenti sabiex il-ħaddiema jaħdmu f’ambjent aħjar. Barra minn dan, se jinbnew kwartieri ġodda għall-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far. Se jsir xogħol ta’ studju fuq l-art indikata biswit l-istazzjon eżistenti li se sservi għat-taħriġ  u bħala kwartieri adegwati.

L-investiment li għamilna fl-aħħar erba’ snin f’dan il-qasam beda t-triq biex id-DPĊ jiġi aġġornat. L-investiment minn fondi nazzjonali u Ewropej tela’ għal €3.5 miljun li permezz tiegħu nxtara apparat ġdid u tal-aħħar teknoloġija. Investejna wkoll fir-riżorsa umana permezz ta’ reklutaġġi, programmi ta’ taħriġ f’Malta u barra, kif ukoll titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u drittijiet ġodda għall-ħaddiema.

Nirringrazzja lid-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila, u lill-membri kollha tad-Dipartiment li b’tant dedikazzjoni u impenn jaħdmu biex jipproteġuna.