DAQQA TA’ PINNA

DAQQA TA’ PINNA

(Artiklu ta’ opinjoni ta’ Carmelo Abela li deher fil-ġurnal L-Orizzont nhar it-Tlieta, it-2 ta’ Mejju 2017)
Kulħadd kien qed jistaqsi, kulħadd kien fuq ix-xwiek li jkun jaf: meta ġejja l-elezzjoni? Ir-risposta tahielna l-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ meta bħala familja konna miġburin fi Pjazza Kastilja biex nisimgħu l-kelma tiegħu: fit-3 tax-xahar id-dieħel. Stajna bqajna diversi xhur oħra fil-Gvern, u konvinti li l-elezzjoni xorta konna nirbħuha b’maġġoranza kbira ħafna dakinhar… għax tagħna mhux gvern li jżid jew inaqqas ir-rankatura li biha jaħdem skont kemm għad fadlilha l-elezzjoni.
M’aħniex gvern bħal ta’ qabilna: rgħib fl-ewwel erba’ snin tal-mandat, imma mbagħad erħilu jroxx ’l hemm u ’l hawn fl-aħħar ftit xhur ta’ qabel l-elezzjoni. Allura, dejjem konna għal-lest biex immorru quddiem il-poplu b’wiċċna minn quddiem, bir-riżultati f’idejna. Imma l-interess nazzjonali qed jitlob mod ieħor; ma nistgħux inħallu l-kampanja maħmuġa tal-Oppożizzjoni tibda taffettwa ħażin lill-ekonomija tal-pajjiż u lill-impjiegi tagħna u ta’ wliedna.
Konvinti li l-poplu japprezza kemm Malta mxiet ’il quddiem b’ Joseph Muscat fit-tmun. Qed nitolbu lill-elettorat iġedded il-fiduċja fina f’mument fejn il-pajjiż qed igawdi minn suċċessi li ma jista’ jiċħadhom ħadd ħlief min imeri saħansitra s-sewwa magħruf. Kif qal il-Prim Ministru nhar il-Ħadd li għadda fin-Nadur, konvinti li l-poplu m’hux se jagħżel li jieqaf nofs triq iżda li jkompli jibni fuq dak kollu li rnexxilna niksbu flimkien s’issa.
Issa jibda l-proċess biex il-poplu jkun jista’ jagħżel lil min irid li jkompli jmexxih minn hawn ’il quddiem: jekk hux moviment kbir u dinamiku li bil-fatti wera li jaf fejn irid jasal u li dak li jwiegħed iwettqu, jew tagħsida ta’ blu u oranġjo li l-uniku interess li jgħaqqad lil dawk li sawruha huwa l-kilba li jilħqu l-għanqud għeneb bnin li, imma, isejħulu qares.
Ilbieraħ filgħaxija l-Prim Ministru żar lill-President ta’ Malta u taha l-parir li xxolji l-Kamra tar-Rappreżentanti. B’daqqa ta’ pinna l-President iffirmat il-Proklama għal dak il-għan u allura issa jibdew it-tħejjijiet biex immorru nivvutaw. Ejjew mhux biss nibqgħu naħdmu sal-aħħar ġurnata bl-istess ritmu li ilna għaddejjin bih sa minn Marzu tal-2013 sabiex inkomplu nagħmlu minn pajjiżna suċċess, iżda naraw ukoll li ma naqgħux fin-nassa tan-Nazzjonalisti li jriduna nerġgħu lura lejn iż-żmien fejn Malti jeħodha kontra Malti ieħor skont jekk hux “aħmar” jew “blu” (jew, issa, kannella, jekk il-blu tħalltu mal-oranġjo).
Ma nħalluhomx jerġgħu jifirdu l-familji tagħna minħabba l-politika partiġġjana, bħalma kienu jagħmlu tletin, erbgħin sena ilu. Minn sitwazzjoni bħal din igawdi biss il-PN, li kulma jara huwa s-siġġu tal-poter, filwaqt li jbati l-pajjiż. Jixirqilna attitudni ferm aħjar minn nies li jippretendu li kapaċi jmexxuna. Dan hu l-mument tal-prova. Minflok ninqasmu bħala żewġ tribujiet, ejjew ningħaqdu u nkomplu naħdmu flimkien għall-ġid tagħna lkoll.

Wara 27 sena

X’rigal sabiħ lill-ħaddiem għall-festa tiegħu tal-ewwel ta’ Mejju! B’daqqa ta’ pinna, wara 27 sena fil-friża, żidna l-paga minima. Kien mument storiku meta l-Gvern, l-Oppożizzjoni u s-sħab soċjali taw daqqa ta’ pinna lill-ftehim biex sal-2019 il-paga minima tiżdied bi €8 fil-ġimgħa, minbarra ż-żieda mogħtija biex tpatti għall-inflazzjoni. Il-paga minima kienet kwistjoni li kulħadd kien qed jibża’ jmissha, iżda dan il-Gvern irnexxielu, anki hawn, jaqbad il-barri minn qrunu u jasal għal soluzzjoni. Prosit lill-partijiet kollha involuti li rnexxielhom jimxu fuq is-sens komun u jaslu għal dan il-ftehim storiku b’serenità.
Hawnhekk irrid nikkwota x’qal il-President tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej, Sergei Stanishev, dwar dan l-iżvilupp f’pajjiżna: “Sa mill-bidu nett, il-gvern ta’ Joseph Muscat ħadem biex mhux biss joħloq postijiet ġodda tax-xogħol iżda, aktar importanti minn hekk, postijiet tax-xogħol ta’ kwalità. Din iż-żieda fil-paga minima hija mhux biss assigurazzjoni ta’ aktar postijiet tax-xogħol ta’ kwalità f’Malta iżda wkoll qabża kbira ’l quddiem fit-triq lejn livelli aħjar ta’ għajxien għall-ħaddiema bi dħul baxx u għall-familji tagħhom. Aħna kburin bil-kisbiet li wettqet Malta, li minnhom qed gawdu dawk li l-aktar li jeħtiġuhom. Nirrakkomandaw li pajjiżi oħrajn jagħmlu bħal Malta billi jsibu l-bilanċ ġust bejn is-suċċess fiskali u l-ksib tar-riżultati fejn jidħlu l-kwistjonijiet soċjali reali.”

Kumpens mistħoqq

Waqt il-laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika mis-sensiela ‘Gvern li Jisma’’ li saret fil-Forti Sant’ Jiermu fit-22 ta’ Marzu li għadda, kont ħabbart li minn din is-sena kellhom isiru l-ewwel ħlasijiet bl-arretrati lil ex-membri tal-Korp tal-Pulizija għal sahra li kienu għamlu f’perjodu ta’madwar 15-il sena (bejn l-1993 u l-2009) u li għaliha baqgħu ma tħallsu qatt. F’konformità mal-programm elettorali, kellna diskussjonijiet mal-unjins ikkonċernati u wasalna. Il-ħlasijiet għandhom isiru fuq medda ta’ snin.
B’daqqa ta’ pinna, dak li ħaddiehor qal li ma ħaqqkomx bdejna nagħtuhulkom, għax verament nemmnu fid-drittijiet tal-ħaddiema.

Biex inkomplu nipproteġuk

F’ċerimonja li saret fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali s-Sibt li għadda, l-Europol u d-Danimarka ffirmaw ftehim importanti ta’ koperazzjoni operazzjonali u strateġika li permezz tiegħu, għalkemm m’hix membru sħiħ tal-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-infurzar tal-liġi, id-Danimarka se tkun tista’ taqsam dejta operazzjonali vitali mal-Europol.
Id-daqqa ta’ pinna tawha d-Direttur tal-Europol, Rob Wainwright, u d-Direttur tal-Pulizija Nazzjonali Daniża, Svend Larsen. It-tnejn li huma kellhom kliem ta’ tifħir għall-irwol tal-Presidenza Maltija tal-UE biex, b’riżultat tar-rieda tajba tal-parteċipanti istituzzjonali kollha involuti, il-ħidma biex wasalna għal dan il-ftehim saret f’perjodu rekord ta’ erba’ xhur biss minflok ħadet xhur twal jew saħansitra snin kif inhi l-prassi normali.
Wara r-riżultat negattiv tar-referendum li sar fit-3 ta’ Diċembru tal-2015 dwar l-adozzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-ħidma transkonfinali tal-pulizija, id-Danimarka ssugrat li tispiċċa f’pożizzjoni li ma tkunx tista’ taqsam id-dejta operazzjonali mal-Europol. Tali nuqqas ta’ koperazzjoni operazzjonali seta’ jwassal għal diskrepanzi serji fl-informazzjoni u fl-informazzjoni sigrieta, li mbagħad seta’ jpoġġi lis-sigurtà tal-UE f’riskju.
Il-ħeffa u s-suċċess ta’ kif tmexxew l-affarijiet fuq dan id-dossier juruna li l-UE kapaċi tagħti r-riżultati fil-ħin sabiex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha. Kull Stat membru qed jagħmel l-almu kollu tiegħu biex biex isaħħaħ il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, iżda l-ebda Stat membru ma jista’ jkun effettiv jekk jaġixxi waħdu. It-theddidiet għas-sigurtà m’għadhomx restritti mill-fruntieri, iżda kapaċi jinfirxu minn pajjiż għall-ieħor faċilment.
Għaldaqstant, huwa importanti li jkun hemm il-koordinazzjoni meħtieġa bejn l-Istati membri fit-taqbida tagħhom kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. L-Europol toffri l-aktar mezz adattat biex l-Istati membri jaġixxu flimkien, jiskambjaw informazzjoni importanti bejniethom u jaħdmu b’mod ikkordinat, biex b’hekk ikunu jistgħu jiġġieldu kontra t-theddidiet b’forza akbar.
Bħala Presidenza tal-UE, kuntenti li pprovdejna l-opportunità lill-Istat membru seħibna biex jiffirma hawn Malta l-ftehim ta’ koperazzjoni operazzjonali tiegħu mal-Europol, eżatt qabel ma daħal fis-seħħ il-qafas leġiżlattiv ġdid tal-Europol fl-1 ta’ Mejju. Mill-bieraħ, permezz ta’ mandat imsaħħaħ, l-Europol tinsab f’pożizzjoni li tassisti lill-Istati membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità, u tipi oħrajn ta’ kriminalità serja u organizzata.