Inkomplu naqtgħu l-frott

Inkomplu naqtgħu l-frott

(Artiklu ta’ opinjoni ta’ Carmelo Abela li deher nhar it-Tlieta, it-23 ta’ Mejju, fil-gazzetta L-Orizzont)

Minn mindu jxolji l-Parlament sa meta tiġi ffurmata amministrazzjoni ġdida wara elezzjoni ġenerali, il-gvern ċentrali tal-pajjiż ikun wieħed provviżorju. Bl-Ingliż insejħulu ‘caretaker government’, u xogħlu jkun li jibqa’ jindirizza l-kwistjonijiet ta’ kuljum tal-pajjiż mingħajr ma jieħu impenji politiċi ġodda f’isem il-pajjiż jew jintroduċi miżuri kontroversjali.

Forsi kien hawn min ħaseb li, għax ittieħdet id-deċiżjoni li tissejjaħ elezzjoni, konna se nabbandunaw il-ħidma tal-Gvern u nħallu għal riħu x-xogħol kollu li kien għaddej. Għalkemm il-kampanja elettorali, bla dubju, teħdilna ħafna enerġija, l-ewwel interess tagħna jibqa’ dak tal-pajjiż. Assolutament ma nistgħux naffordjaw lanqas ġurnata waħda li matulha ma nibqgħux naħdmu bis-saħħa kollha tagħna għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin, inkella dak kollu li stinkajna għalih f’awn l-erba’ snin ikun fil-periklu li jintlef jew jiġi mfixkel. Ħdimna bis-sħiħ għalik sa mill-ewwel jum tal-mandat tagħna fl-2013 u hekk se nibqgħu nagħmlu sal-aħħar ġurnata.

Il-fatti juruk. Anki f’dawn l-aħħar jiem ta’ dan il-Gvern, għadna għaddejjin naħsdu l-ewwel frott ta’ dak li żrajna b’għaqal f’dawn l-erba’ snin. Nhar il-Ħadd, biex nagħti eżempju, inawgurajna t-tlestija ta’ xogħol estensiv ta’ rinnovament li sar fuq tliet għases tal-pulizija: ta’ Birżebbuġa, ta’ Ħaż-Żabbar, u taż-Żejtun. Fuq dan ix-xogħol, kif ukoll fuq il-bini ta’ għassa ġdida f’Wied il-Għajn li l-art għaliha ġiet identifikata, se nkunu investejna iżjed minn miljun ewro. Diġà għaddej ix-xogħol sabiex dan il-proġett ta’ rinnovament mill-qiegħ fl-għases jidħol fit-tieni fażi tiegħu u jkopri iżjed lokalitajiet. L-għases li ġew identifikati għall-istadju li jmiss huma dawk ta’ Bormla, ta’ Marsaxlokk, ta’ Ħal Għaxaq, tal-Fgura, tal-Imsida, ta’ Tas-Sliema, u ta’ San Ġiljan. Sadattant, għaddej xogħol ta’ manutenzjoni fuq skala kbira fl-għases tal-Mosta u ta’ Raħal Ġdid. Ma’ dan wieħed irid isemmi l-fatt li matul l-aħħar sena sar xogħol sabiex l-għases kollha tal-Pulizija madwar Malta u Għawdex jiġu mgħammrin b’sistema ta’ arja kkundizzjonata.

Dan li ċċelebrajna nhar il-Ħadd ma kienx sempliċiment xogħol ta’ tisbiħ, iżda parti mit-twettiq tal-viżjoni li l-Korp tal-Pulizija jaqra s-sinjali taż-żminijiet u jkun dejjem aktar qrib tan-nies li qiegħed hemm biex iservi. Ix-xogħlijiet kbar li twettqu jiżguraw servizz ferm aqwa għall-pubbliku. Spiċċa l-bank għoli għoli li minn fuqu l-uffiċjal tal-pulizija jħares ’l isfel lejn min imur biex jinqeda – minfloku issa hemm għamara li tippermetti komunikazzjoni aħjar. Żgurajna li t-tliet għases li tlestew ikunu iżjed aċċessibbli għal kulħadd, u  bħalissa għaddej ix-xogħol biex iżjed għases isiru aċċessibbli wkoll. Id-dawl fit-tliet għases li inawgurajna jaħli inqas minn qabel, u b’hekk jirrispetta aktar lill-ambjent.

 

PULIZIJA GĦAL QALBU JAGĦTIK SERVIZZ AĦJAR

Fl-istess waqt, dan it-tibdil għall-aħjar ifisser ukoll titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Pulizija, li żgur li ma jixirqilhomx jaħdmu f’ambjenti  mitluqin u li jġibulek ħasra. Spiċċat l-għamara li tistħi tħares lejha. Kont maħsud meta l-pulizija rrakkuntawli li, pereżempju, fl-għassa ta’ Birżebbuġa qatt ma kien sar ebda xogħol ta’ rinnovament minn mindu nfetħet fl-1986 – aktar minn 30 sena ilu. Bħal fil-każ ta’ kull ħaddiem ieħor, uffiċjal tal-Pulizija ttrattat b’dinjità jaħdem aktar għal qalbu u, konsegwentement, jagħti servizz aħjar.

Irridu niftakru li, taħt dan il-Gvern, il-kundizzjonijiet tal-pulizija tjiebu bil-kbir. Tajniehom, kif konna wegħidna, id-dritt li jissieħbu fl-unjin tal-għażla tagħhom; issa bdew ukoll it-taħditiet għal ftehim settorjali ġdid għall-Pulizija. Tajniehom id-dritt tal-pensjoni sħiħa tas-servizz daqslikieku servew għal 25 sena jekk isofru minn diżabbiltà permanenti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Naqqasnielhom it-taxxa fuq l-extra duty,  u nfetħu l-applikazzjonijiet għall-kumpens għas-sahra bl-arretrati li tmur lura għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru tal-1993 u l-31 ta’ Diċembru tal-2009 – skema li tgħodd ukoll għall-werrieta ta’ persuni eliġibbli li llum sfortunatament ħallewna. Saru bidliet fil-ħinijiet tax-xiftijiet biex ġew iktar flessibbli.

Ghaddejna wkoll liġi li permezz tagħha twaqqfet l-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati.  Minnufih bdiet ħidma ta’ żvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ,  kemm għal dak li għandu x’jaqsam ma’ reklutaġġ kif ukoll programmi li joffru taħriġ professjonali kontinwu matul il-karriera. Għax napprezzaw li l-pulizija fix-xogħol tagħhom jiltaqgħu ma’ każijiet diffiċli ferm li, bla ma jafu, jistgħu jħallu impatt fuqhom, twaqqfet ukoll taqsima li toffri servizzi ta’ terapija psikoloġika lill-pulizija.

Iżda, fuq kollox, varajna proċess ta’ riforma li r-riżulati tiegħu għad iridu jibdew jidhru fis-snin li ġejjin. Waħda mill-ewwel bidliet li ġabet magħha din ir-riforma huwa l-ħolqien tal-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv, biex issa l-Kummissarju tal-Pulizija jista’ jiffoka aktar fuq id-doveri pulizjeski tiegħu filwaqt li l-Kap Eżekuttiv jintefa’ aktar fuq materji amministrattivi.

Minn mindu l-Prim Ministru, Joseph Muscat, għoġbu jafdali l-portafoll tal-Intern f’Diċembru tal-2014, dejjem żammejt quddiem għajnejja l-ħsieb li l-pulizija qegħdin hemm biex jipproteġu lin-nies, u li allura rridu nagħmlu dak kollu possibbli biex dan ikun dejjem aktar il-każ. Dan filwaqt li jissaħħaħ il-“wiċċ uman” tal-Korp. Żviluppi importanti bħal dak tat-twaqqif tat-Taqsima għall-Appoġġ lill-Vittmi fi ħdan il-Korp huwa pass wieħed biss f’dik id-direzzjoni. Il-mod kif qed nirranġaw l-għases huwa ieħor.

Nemmen bil-kbir fil-potenzjal tal-Korp tal-Pulizija. Konvint li l-pedament sod li lestejna fix-xhur li għaddew se jippermettilna nkomplu nibnu fuqu bosta sulari fix-xhur u s-snin li ġejjin.

 

NIPPROTEĠU LIT-TFAL

Fl-1983, il-President Amerikan Ronald Reagan iddikjara l-25 ta’ Mejju bħala l-Jum Nazzjonali tat-Tfal Neqsin. Kien il-każ ta’ Etan Patz, tifel ta’ sitt snin li kien għeb fl-1979 waqt li kien fi triqtu lejn l-iskola, li wassal lil Reagan biex jieħu din id-deċiżjoni. Dak il-każ li qajjem furur kbir, u kaġun tiegħu mal-Istati Uniti kollha xtered tħassib dwar it-tfal neqsin. Minn dak iż-żmien ’l hawn, bosta pajjiżi madwar id-dinja bdew jadottaw kommemorazzjonijiet simili, tant li l-25 ta’ Mejju spiċċat biex ġiet iddikjarata l-Jum Dinji tat-Tfal Neqsin.

Anki f’Malta, fix-xhur li għaddew kompla sar ħafna xogħol f’dan il-qasam delikat. Kulħadd jaf kemm il-Pulizija tagħna minn dejjem tat attenzjoni partikolari lil kull każ li jinvolvi lit-tfal. F’Jannar li għadda għamilna pass ieħor ’il quddiem meta inawgurajna s-sistema nazzjonali tal-AMBER Alert, li tippermetti lill-Korp tal-Pulizija li, permezz ta’ allert u bl-għajnuna ta’organizzazzjonijiet sħab, jinforma lill-pubbliku minnufih meta jkun hemm il-biża’ li l-ħajja ta’ tifel jew tifla li jkunu nħatfu jew ġew neqsin tkun f’periklu imminenti.

L-AMBER Alerts jistgħu jirnexxu aktar kemm-il darba, f’każ ta’ tfal neqsin u fil-periklu, in-nies jiġu infurmati aktar minn darba. Jekk jirċievu l-informazzjoni minn mezzi differenti, iċ-ċansijiet li xi ħadd jilmaħ lit-tifel jew tifla u jagħrafhom jiżdiedu. Għalhekk, inħeġġeġ biex saħansita aktar organizzazzjonijiet li huma f’pożizzjoni li jgħinu lill-Pulizija biex iwasslu l-allerti lin-nies jissieħbu f’din l-inizjattiva tajba. Nistieden ukoll lil individwi u organizzazzjonijiet biex jinkitbu fis-sistema sabiex anki huma jkunu jistgħu jirċievu imejl biex jassistu lill-pulizija f’każ li allaħares qatt ikollhom jagħmlu tfittxija għal tifel jew tifla li jkunu neqsin u fil-periklu.

Żur is-sit www.amberalert.com.mt  – b’ġest żgħir tista’ tgħin lill-Pulizija jsalvaw il-ħajja ta’ tifel jew tifla.