KARTUNA ĦALIB

KARTUNA ĦALIB

(Artiklu ta’ opinjoni li deher fil-gazzetta L-Orizzont nhar id-9 ta’ Mejju 2017)

F’diversi pajjiżi l-ġurnalisti spiss jistaqsu lill-politiċi għall-għarrieda jekk jafux kemm jiswew kartuna ħalib, ħobża, vjaġġ b’tal-linja, litru petrol jew diżil, jew xi prodott ieħor li n-nies jiġu bżonnu kuljum. L-aktar li jħobbu jistaqsu, imma, huwa dwar il-prezz tal-ħalib. Il-ħsieb wara mistoqsija bħal din ikun li jaqbdu lill-politiċi fuq sieq waħda u jippreżentawhom bħala nies imsakkrin fit-torri proverbjali tal-avorju, maqtugħin mir-realtajiet tan-nies li jkunu eleġġewhom.

Naturalment, jista’ jkun hemm diversi raġunijiet plawsibbli għaliex politiku ma jkunx jaf il-prezz ta’ kartuna ħalib. Bħal fil-każ ta’ bosta – huma jew m’humiex fil-politika –  jista’ jagħti l-każ li x-xirja j/tkun j/tagħmiha s-sieħeb/sieħba, xi membru ieħor tal-familja, jew xi ħadd li jkun jagħtihom daqqa t’id fit-tmexxija tad-dar. Forsi jkun jixtri dak li jkollu bżonn mis-supermarkit jew mingħand tal-merċa u jaqbad u jħallas il-prezz totali mingħajr ma joqgħod jifli l-irċevuta biex jara kemm jiswa kull oġġett individwali. Forsi elf raġuni oħra. Lil hinn mit-tfettiq, iżda, il-punt kollu fl-aħħar mill-aħħar hu li l-politiku għandu jibqa’ viċin in-nies. Ma jista’ qatt jinsa li l-politiċi qegħdin hemm biex iservu lin-nies, u mhux bil-maqlub.

Kieku dan il-Gvern kellu verament id-difetti kollha li takkużah bihom l-Oppożizzjoni, u allura hu x-xitan inkarnat, ħaġa waħda żgur li ma jistgħux jakkużawna biha: li nqtajna min-nies. Fil-manifest elettorali li ppreżentajna qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali konna wegħidnik “Gvern b’Bibien Miftuħa Għalik”. Fil-175 paġna ta’ dak id-dokument, li serva bħala l-kuntratt bejn il-gvern Laburista u l-elettorat li tah il-fiduċja massiċċa tiegħu fl-2013, il-kelma “konsultazzjoni” tidher aktar minn 30 darba, tista’ tgħid f’kull qasam. Bil-fatti, dik il-kelma ma baqgħetx biss ittri sbieħ stampati fuq karta: fid-deċiżjonijiet li ħadna tul dawn l-erba’ snin dejjem smajna u tajna widen għall-fehmiet tal-partijiet kollha interessati fil-qasam rilevanti. Naturalment, il-Gvern imbagħad qiegħed hemm biex, wara li jisma’ lil kulħadd, jiddeċiedi dak li jħoss li jkun fl-aħjar fl-interess nazzjonali. Qatt ma ddejjaqna nikkonsultaw bis-serjetà, iżda fl-istess waqt qatt ma abdikajna mir-responsabbiltà kbira li fdana biha l-poplu biex nieħdu d-deċiżjonijiet, iebsa kemm ikunu iebsa, meta l-interess tal-pajjiż kien jitlob dan.

Iżda l-kuntatt ma żammejniehx biss mal-korp kostitwiti u ma’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi oħrajn. Il-bibien tagħna baqgħu dejjem miftuħin għal kulħadd. In-nies ħassewhom dejjem komdi li jikkuntattjawna biex ikellmuna. Ma qagħdux lura milli jaqbdu u jibagħtu imejl lilna l-Ministri, u saħansitra direttament mill-Prim Ministru. Il-biċċa l-kbira mill-ħin relattivament limitat li jifdal wara l-qadi tad-doveri ministerjali, ħafna drabu ddedikajnieh biex niltaqgħu lin-nies. Hekk konna nkunu nafu mingħandhom stess kif qed jintlaqtu mill-miżuri li konna qed nieħdu, u liema jħossu li hi t-triq ’il quddiem. Ħdimna kontinwament biex insewwu l-inġustizzji jew in-nuqqasijiet li nġibditilna l-attenzjoni għalihom.

Fejn Mawmettu ma marx għand il-muntanja, kienet il-muntanja li marret għandu. Konna wegħidna, ngħidu aħna, li b’mod regolari nagħmlu laqgħat tal-Kabinett tal-Ministri  f’lokalitajiet differenti sabiex il-Kabinett ikun jista’ japprezza aktar ir-realtajiet tal-ibliet u l-irħula tagħna. Konna wegħidna wkoll li kull sitt xhur nagħmlu laqgħat ta’konsultazzjoni pubblika biex kulħadd ikun jista’ jgħid tiegħu liberament u l-membri tal-Kabinett jagħtu widen. Kelmitna żammejnieha.

F’din l-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali kelli l-pjaċir li nqatta’ aktar ħin fit-toroq, fid-djar u fil-postijiet fejn jinġabru n-nies. Komplejt inħabbat fuq il-bibien. Kemm hu sabiħ meta l-familji – huma ta’ liema fehma politika huma – jilqgħuk f’darhom u jitkellmu miegħek liberament dwar is-sitwazzjonijiet, l-aspirazzjonijiet u l-ħtiġijiet tagħhom. Qed ikollna reazzjoni pożittiva ħafna għall-ħidma kbira li wettaq il-gvern immexxi minn Joseph Muscat s’issa, u din m’hix sorpriża. Mir-riżultati li ksibna bit-tmexxija għaqlija ta’ dan il-Gvern tista’ tgħid li gawda kulħadd.

 

PJAN STRATEĠIKU GĦALL-AKKADEMJA      

Il-ġimgħa l-oħra kelli l-pjaċir li nippresiedi l-inawgurazzjoni tal-ewwel pjan strateġiku għall-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati, li se jkopri l-perjodu bejn issa u l-2020. Din l-istrateġija tinkludi, fost l-oħrajn, l-għoti ta’ taħriġ lill-pulizija dwar l-immaniġġjar taż-żoni tad-divertiment – xi ħaġa li konna wegħidna fil-manifest elettorali tal-2013. Barra minn hekk, b’kollaborazzjoni bejn l-MCAST u l-Akkademja se jibda kors bażiku fl-MCAST għal dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu f’korpi dixxiplinati iżda li ma jkollhomx ir-rekwiżiti akkademiċi mitluba fir-reklutaġġi.

Ta’ min ifakkar li l-funzjoni tal-Akkademja, li ġiet inawgurata taħt din l-amministrazzjoni, hu li jingħataw taħriġ u edukazzjoni professjonali b’dixxiplina lill-membri tal-Korp tal-Pulizija, tal-Armata, tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u tal-Faċilità Korrettiva. L-għan aħħari, naturalment, hu li int u l-familja tiegħek tingħataw servizz ta’ ħarsien u salvataġġ dejjem aħjar u aktar professjonali.

Il-kontenut tal-pjan strategiku tal-Akkademja ġie żviluppat b’konsultazzjoni mal-membri  tal-erba’ forzi dixxiplinati u permezz ta’ valutazzjoni komparattiva ma’ istituzzjonijiet  tat-taħriġ fl-oqsma tal-infurzar u tas-sigurtà f’għadd ta’ pajjiżi fosthom l-Awstralja, il-Kanada, l-Irlanda, l-Olanda, ir-Renju Unit, u l-Istati Uniti.

L-Akkademja trid tassigura li l-forzi dixxiplinati tagħna jattiraw l-aħjar nies, u li dawn l-aħjar nies jingħataw l-opportunità li jibqgħu jiżviluppaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom. Għaldaqstant , id-dokument li varajna hu bbażat fuq ħames pilastri: it-taħriġ tar-rekluti, it-taħriġ speċjalizzat, it-taħriġ għall-avvanz fil-karriera, u t-taħriġ għall-flessibilità fil-karriera.

L-Akkademja għandha pjan ġenerali għall-kampus tagħha fis-Siġġiewi, li se jiġi żviluppat biex jikkonforma ma’ linji gwida internazzjonali. Bħalissa għaddej ix-xogħol biex jitlestew id-dormitorji u t-tisbiħ tal-pajsaġġ. Nirringrazzja lill-membri tal-bord u lill-impjegati tal-Akkademja għall-ħidma siewja tagħhom. Dan hu biss il-bidu ta’ proġett ambizzjuż li għad iħalli ħafna frott li minnu ngawdu lkoll kemm aħna.

 

MILL-KUNDANNA GĦAR-RIFORMA

Fil-jiem li għaddew inawgurajna ċentru ġdid minn fejn se jingħataw servizzi korrettivi għal residenti żgħażagħ ta’ taħt il-21 sena li jkunu qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs. Minkejja li l-€1.4 miljun f’fondi Norveġiżi għal dan il-proġett ngħataw fl-2009, kellu jkun il-gvern Laburista li ħa d-deċizjoni li dan il-proġett jinbeda u, fi żmien sena, lestieh.

Waqt l-inawgurazzjoni l-Prim Ministru qal li dan il-proġett jagħtih sodisfazzjon għax jimmarka l-bidu ta’ kapitlu ġdid għall-ġustizzja riparattiva f’pajjiżna. Huwa proġett li jixhed il-bidla fil-mod kif il-Gvern iħares lejn min ikun xellef difru mal-liġi. Osserva kif dan il-post inbidel minn wieħed ta’ kundanna għal ambjent xieraq għal żgħażagħ li jridu jirriformaw.

Il-ftuħ ta’ din il-faċilità ġab fis-seħħ wegħda elettorali oħra li konna għamilna fl-2013: dik li  żgħażagħ taħt il-21 sena ma jibqgħux jiskontaw is-sentenza tagħhom fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jew fl-Isptar Monte Carmeli. Kien inaċċettabbli li, għal iżjed minn 20 sena, residenti żgħażagħ inżammu fl-istess faċilità mal-adulti. Infakkar li kien taħt din l-amministrazzjoni li ġuvintur taħt il-21 sena bdew jiskontaw is-sentenza f’faċilità fl-Imtaħleb. Issa, ghall-ewwel darba, residenti tfajliet ukoll se jibdew jiskontaw is-sentenza ’l bogħod mill-Faċilità f’Kordin.

Bħalma mill-għada tal-elezzjoni li għaddiet xammarna l-kmiem u bdejna nwettqu l-pjan direzzjonali li konna ħejjejna għal pajjiżna mill-Oppożizzjoni, hekk ukoll se nibqgħu naħdmu bla heda sal-aħħar ġurnata. Ninsab konvint li, minkejja li żbalji għamilna u determinati li nitgħallmu minnhom, il-poplu japprezza x’qabża ’l quddiem għamel pajjiżna f’dawn l-aħħar erba’ snin. Fit-3 ta’ Ġunju, ejjew nużaw il-vot tagħna bil-għaqal sabiex flimkien inkunu nistgħu nkomplu naħdmu bir-ritmu li qbadna biex pajjiżna jikseb saħansitra aktar suċċessi fix-xhur u fis-snin li ġejjin. Ninsabu fuq l-għatba tal-aqwa żmien għal pajjiżna.