MIN SE JIRBAĦ L-ELEZZJONI?

MIN SE JIRBAĦ L-ELEZZJONI?

(Artiklu ta’ opinjoni li deher f’L-Orizzont tat-Tlieta, it-30 ta’ Mejju 2017)

 

It-tweġiba se tagħtiha int bil-vot tiegħek, erbat ijiem biss oħra. Hija deċiżjoni tqila li kull wieħed u waħda minna rridu nieħdu; deċiżjoni li tgħabbina b’responsabbiltà liema bħalha. Fuq din id-deċiżjoni jiddependi l-futur tagħna u tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Hemm qawl bl-Ingliż li jgħid, “Tibdilx iż-żiemel f’nofs ix-xmara”. Fl-2013 il-gvern Laburista ngħata mandat minn poplu li kien imxennaq biex xi ħadd iwasslu san-naħa l-oħra tax-xmara: dik taċ-ċertezza, tal-prosperità, u tal-avvanz. Iż-żiemel magħtur Nazzjonalista beża’, jew ma kienx kapaċi, jaqsam ix-xmara tal-isfidi, u l-prospetti tal-poplu li jimxi ’l quddiem f’dik is-sitwazzjoni kienu mċajprin għall-aħħar. Il-poplu, allura, dawwar ħarstu lejn iż-żiemel felħani Laburista, li wara li fassal minn qabel pjan dettaljat dwar kif se jaqsam ix-xmara, beda minnufih bl-ewwel pass, u mbagħad it-tieni, u t-tielet, sakemm issa wasal f’nofsha. Dan kollu seħħ filwaqt li ż-żiemel Nazzjonalista għamel kemm felaħ biex jaqta’ qalb il-poplu u jxekkel il-proċess. Issa l-istess żiemel Nazzjonalista qed jipprova jikkonvinċi lill-poplu, li wasal nofs triq, li ż-żiemel Laburista m’hux ta’ min jafdah, u qed jistiednu jerġa’ lura minn fejn telaq. Iridu jerġa’ jirkeb fuqu biex, minfok iwasslu qawwi u sħiħ fuq in-naħa l-oħra tax-xmara, jieħdu f’direzzjoni totalment differenti.

F’dawn l-erba’ snin, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat, pajjiżna fetaħ orizzonti ġodda tista’ tgħid f’kull qasam. Mid-deċiżjonijiet li ttieħdu u l-miżuri li ddaħħlu, gawdew kemm il-familji kif ukoll in-negozji. Dan it-tibdil għall-aħjar ma ġiex mix-xejn, iżda huwa r-riżultat ta’ pjan direzzjonali serju u maħsub tajjeb, flimkien mal-kapaċità li jitwettaq fiż-żmien stipulat. Dan il-pjan għadu mhux mitmum, anzi fadallu biex ikun twettaq kollu kemm hu. Kif iħobb jgħid il-Prim Ministru: l-aqwa żmien għal pajjiżna għadu ġej.

Il-Partit Laburista huwa ottimist li r-raġuni ma tridx forza, u li l-ebda duħħan mill-kanuni ta’ Simon Busuttil u sħabu m’hu se jxekkel lill-poplu intelliġenti Malti milli jifhem kemm ma jkunx għaqli li jibdel iż-żiemel meta wasal nofs triq. Kuntrarju għal dak li nisimgħu fir-reklami, fil-każ tagħna l-passat huwa garanzija tal-futur. Dak li wiegħed il-Partit Laburista qabel l-aħħar elezzjoni, wera bil-fatti li kellu r-rieda u kien kapaċi li jwettqu.  F’erba’ snin kważi lestejna l-manifest elettorali kollu li kien ikopri mhux erba’, imma ħames snin. Tiftakar kif qabel l-aħħar elezzjoni tal-PN kienu beżżgħuk bil-babaw? Ippruvaw iwerwruk li, bi tmexxija Laburista, il-pajjiż kien se jidħol “gas down ġol-ħajt”, li l-qgħad kien se jisplodi ’l fuq, u li konna se nispiċċaw għarkupptejna quddiem l-Unjoni Ewropea biex nitolbuha pakkett ta’ salvataġġ finanzjarju. Il-proposta li jitraħħsu l-kontijiet tad-dawl kienu sejħulha “il-gimmick tal-millennju” u tawha t-tikketta ta’ “Alice in Wonderland”. Ma kellhom l-ebda fiduċja li pajjiżna seta’ jieqaf jaħraq iż-żejt tqil li jniġġes biex jipproduċi l-elettriku, jew li stajna nindirizzaw b’suċċess il-problemi li kienu ħolqu huma f’dversi oqsma.

Illum, dawn l-istess nies qed jappellawlek biex ma temminx lil Joseph Muscat u lit-tim tiegħu, li dak li wegħduh wettquh, u minflok temmen lilhom, l-istess nies li warrabthom fl-2013. Tinsiex ir-raġunijiet għaliex il-poplu warrabhom fl-2013, għax meta tismagħhom jitkellmu taħsibhom anġli puri tas-sema li lin-nies jaħsbuhom li twieldu lbieraħ. Għadhom l-istess nies, u l-ħanżir taqtagħlu denbu, ħanżir jibqa’.

Iżda l-ottimiżmu tagħna li l-poplu jaf tajjeb kif ma jħallix lil min ibellagħlu r-ross bil-labra ma jfissirx li hemm l-iċken lok għall-kompjaċenza: irridu nibqgħu naħdmu sal-aħħar biex niżguraw li ma jinħela l-ebda vot. Ejjew inħarsu lejn kemm sar ġid li minnu gawdew tista’ tgħid kull familja u kull negozju. Anki jekk, bħala ċittadin, forsi tħoss li l-ġustizzja titlob li l-biċċa tiegħek mill-kejk kellha tkun ikbar, jagħmel sens li tarmi l-kejk kollu mit-tieqa tal-kċina għal isfel? Żbalji għamilna u, għax aħna bnedmin, nibqgħu nagħmlu. Iżda determinati li nitgħallmu minnhom u, fit-tieni mandat tagħna, niksbu riżultati saħansitra aħjar u naraw li ħadd ma jibqa’ barra milli jgawdi mill-ġid li se jkompli jinħoloq.

Nhar is-Sibt, bil-vot għaqli tiegħek, l-elezzjoni se tirbaħha int.

 

ĦALLEWNA L-AĦĦAR

Dawk li qed jistednuk biex nhar is-Sibt li ġej tarmi dak kollu li nkiseb f’dawn l-aħħar erba’ snin qisu qatt ma kien xejn, iridu jnessuk minn fejn tlaqna wara d-diżastru li ħallew lill-pajjiż fih f’Marzu tal-2013.

Ftakart f’dan meta, nhar il-Ġimgħa li għadda, f’Marsaxlokk varajna l-ewwel strateġija għall-prevenzjoni tal-kriminalità li qatt kellna f’pajjiżna. Il-gvern Nazzjonalista kien ħalla lil Malta bħala wieħed mill-ftit pajjiżi fl-UE li ma kellhomx tali strateġija. Bħal f’diversi oqsma oħrajn, konna l-aħħar fl-Ewropa, sakemm daħal il-gvern Laburista u beda jaqbad il-barrin minn qrunhom.

Permezz ta’ din l-istrateġija, bdejna niktbu storja ġdida fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità. Wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, issa għandna f’idejna t-triq ’il quddiem minn issa sal-2021. Din l-istrateġija hi mibnija fuq kunċett innovattiv fejn, minflok kulħadd jaħdem għal rasu, entitajiet governattivi u mhux governattivi jikkollaboraw fi sforz wieħed biex fil-komunitajiet tagħna tonqos l-inċidenza tal-kriminalità.

L-istrateġija hi bbażata fuq sitt aspetti ewlenin. L-ewwel nett, se niżguraw li, permezz ta’ programmi speċjalizzati, l-attitudni vjolenti li jkollhom ġo fihom xi individwi tiġi indirizzata sa mill-età tal-iskola. Siġra li tkun tielgħa mgħawġa eħfef tiddrittaha meta tkun għadha żgħira milli meta tilħaq tikber u z-zokk ikun laħaq ibbies.

It-tieni nett, se nanalizzaw kif is-sistema tal-ġustizzja taħdem fil-konfront taż-żgħażagħ: mill-arrest sal-prosekuzzjoni u l-għoti tal-pieni. Il-miżuri kkontemplati jinkludu l-ħolqien ta’ timijiet ta’ intervent magħmulin minn professjonisti. L-għan ta’ dawn it-timijiet se jkun li jaħdmu ma’ żgħażagħ li jiġu rriferuti mill-iskejjel jew mill-Pulizija u li ma jkunux għaddejjin minn proċess kriminali, filwaqt li joffru appoġġ liż-żgħażagħ li jingħataw sentenzi fil-komunità.

It-tielet nett, se ssir iżjed ħidma biex il-Pulizija tkun eqreb lejn il-komunità, u taħdem aktar fuq il-bażi ta’ informazzjoni miġbura. Il-miżuri li se jittieħdu jinkludu taħriġ lill-pulizija u lir-rekluti fl-oqsma tal-vjolenza domestika, tar-reati ta’ natura sesswali, u tas-serq minn fuq il-persuna.

Ir-raba’ nett, se niffukaw fuq il-każijiet fejn il-kriminalità tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra fl-istess familja. Bil-miżuri proposti fl-istrateġija, se naraw li l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal li ġejjin minn familji ta’ dan it-tip jiġu indirizzati minn timijiet apposta ta’ professjonisti li jaħdmu fil-komunità, inkluż permezz ta’ servizzi li jingħataw fid-djar. Se jkun hemm ukoll servizzi fil-komunità lill-membri tal-familji tar-residenti tal-Faċilità Korrettiva.

Il-ħames nett, se jsiru kampanji edukattivi sabiex titnaqqas l-inċidenza ta’ reati partikulari bħall-vjolenza sesswali, is-serq minn fuq il-persuna, u atti kriminali kaġun tal-mibegħda.

Is-sitt nett, se ssir ħidma biex tonqos l-imġiba kriminali f’individwi li jkunu diġà skontaw sentenza, u biex jonqos ukoll l-għadd ta’ dawk li jispiċċaw vittmi tal-kriminalità għal aktar minn darba. Il-miżuri proposti jaħsbu għal iżjed opportunitajiet ta’ programmi ta’ taħriġ u ta’ xogħol għar-residenti tal-Faċilità Korrettiva, speċjalment meta wieħed iqis ir-rata ta’ qgħad fost dawk li jkunu nstabu ħatja ta’ reat.

Dan il-Gvern ħadem bis-sħiħ biex isaħħaħ il-protezzjoni taċ-ċittadini u jnaqqas il-kriminalità. Din il-ħidma kienet ibbażata fuq tliet pilastri. L-ewwel pilastru hu t-tisħiħ tal-forzi ddixxiplinati b’investimenti ta’ iżjed minn €90 miljun fit-tagħmir u fit-taħriġ, flimkien mat-tisħiħ fir-riżorsa umana b’iżjed minn elf persuna tibda karriera mal-korpi dixxiplinati f’erba’ snin. Barra minn dan, ingaġġajna professjonisti fis-servizzi korrettivi u tejjibna l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. It-tieni pilastru hu t-tnaqqis ta’ reċidiviżmu, sabiex jitnaqqas in-numru tal-vittmi f’reati ġodda permezz ta’ programmi żviluppati fil-Faċilità Korrettiva u fid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole. It-tielet pilastru  hu l-ixprunar tal-kultura ta’ prevenzjoni, inkluż bit-tfassil ta’ din l-istrateġija li varajna.

Nhar il-Ġimgħa ppreżentajna wkoll tliet programmi oħra mmirati lejn il-prevenzjoni tal-kriminalità. Id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole ħabbar il-bidu ta’ programm ta’ intervent ibbażat fil-komunità għal min ikun wettaq reat ta’ natura sesswali kif ukoll ta’ programm ieħor maħsub biex jiżviluppa l-ħiliet fundamentali ta’ min ikun wettaq reat biex jaħseb, jaqra, jitgħallem, jiftakar, jirraġuna, u jiffoka. Il-Pulizija, min-naħa tagħha, nidiet kampanja edukattiva dwar l-isfruttament sesswali tat-tfal minn fuq l-internet.

Anki dan kollu huwa xogħol li rridu nibqgħu nibnu fuqu mill-ġimgħa d-dieħla ’l quddiem. L-għażla f’idejk.